Il-pajjiż qed jokrob biex jerġa' jiftaħ l-iskejjel tas-snajja' u jibdew mill-età ta' 13-il sena. L-istudenti malli jtemmu l-ewwel sentejn tas-sekondarja għandhom jingħataw iċ-ċans biex jagħżlu li jibdew jattendu fi skola tas-snajja', jagħżlu tliet snajja' u jispeċjalizzaw f'waħda. L-iskola tagħti opportunitajiet ta' apprendistati u aktar tard għal start-up ta' negozju fis-sengħa partikolari. It-talent Malti jixraqlu skola tas-snajja' li tħarrġu u tħaddmu.
L-iskejjel tas-snajja tneħħew għax kienu qed joħolqu sterjotipar ta' tfal u żgħażagħ. Li tmur skola tas-snajja kien bħal timbru li tifel jew tifla "mhux tajbin għall-iskola". Minflokhom inħoloq l-MCAST li sar waħda mill-istituzzjonijiet l-iktar popolari u importanti tal-pajjiż. Jekk hemm bżonn jissaħħaħ l-MCAST u jiftħu iktar korsijiet imma li nerġgħu immorru lura ġenerazzjoni u niftħu l-iskejjel tas-snajja ikun żball enormi. U inġustizzja.
Ma naqbilx miegħek Sur Vella, jekk l-iskola tkun state-of-the-art u tkun toffri MQF level 4, 5 u 6, ma jkollhiex stigma. L-istigma fl-iskejjel tas-snajja' kienet teżisti minħabba tmexxija ħażina jew għax ma kinux jagħtu ċertifikati rikonoxxuti u ta' livell għoli. Dak kien żmien ieħor. Illum jeħtieġ niftħu dawn l-iskejjel tas-snajja' mingħajr dewmien biex jidħlu fihom mijiet ta' studenti fit-tielet sena tas-sekondarja, ikollhom ċans jagħmlu l-Olevels fis-suġġetti ewlenin u fis-suġġetti applikati.
Irrid inżid ngħid li dan hu sforz biex jonqos bil-kbir l-għadd ta' studenti li jħallu s-sekondarja mingħajr ċertifikat tat-tluq jew mingħajr kwalifiki xierqa għas-suq tax-xogħol. Irridu skola tas-snajja' li taħseb fil-suġġetti ewlenin bħas-somom u l-lingwi, daqs kemm taħseb fis-suġġetti applikati bħall-injam, il-ħadid, il-ġebel, il-ħġieġ. Irridu forza tax-xogħol kwalifikata. L-istigma hemm modi kif tista' teqridha, mhux billi teqred l-iskejjel tas-snajja'.
This content is created by the open source Your Priorities citizen engagement platform designed by the non profit Citizens Foundation